TAGĦRIF DWAR IL-KNISJA PARROKKJALI TA' ĦAL TARXIEN U GĦAQDIET FI ĦDANA
Kien żmien ta' faqar u biża mill-ħallelin tal- baħar (furbani). Għalkemm diġa kien hawn il-kavallieri ta' San Ġwann f'Malta. L-irħula kienu għadhom miftuħa u għerja mill-ħafna bini tallum. Kien hemm xi għorfa l-hawn u l-hemm fir-raba u xi ftit djar jekk tista ssejħilhom hekk, qrib xi knisja li kien ikun iċ-ċentru tar-raħal ta' l-imgħoddi bi ftit ta' mijiet ta'nies jgħixu f'dak il-lokal. Kien is-seklu 16.
Ħal Tarxien ma kienx inqas minn irħula oħra madwar Malta. Kellu xi ftit aktar minn mitt dar u 400-500 ruħ jgħixu fih u kien jagħmel mal-Parroċċa ta' Bir Miftuħ, illum il-Gudja. Din il-knisja ta' Bir Miftuħ għadha teżisti u tinsab quddiem il-bini ta' l-ajruport il-ġdid fil-Gudja. Kienet Knisja akbar milli hi llum u kienet forma ta' salib x'aktarx l-artal kien mal-ħajt ċatt. Il-pedament ta' wara l-knisja kif tinsab illum għadhom jidhru.
Minn Ħal Tarxien għal Bir Miftuħ kien hemm fuq iż-żewġ mili bogħod u in-nies tar-raħal ta' San Ġwann, kif kien magħruf Ħal Tarxien għal kappella ta' San Ġwann li kienet tinsab fil-limiti ta' Ħal Tarxien illum il-ġewwa mis-swar ta' Bormla, kienu qed iħossu l-ħtieġa li is-servizzi essenzjali bħal mgħamudija, żwieġ, grizma tal-morda eċċ ma kienux qed ikunu moqdijin sewwa. Għalhekk kienu talbu biex Ħal Tarxien jinqata' mill-parroċċa ta' Bir Miftuħ u jitwaqqaf f'parroċċa għalih.
L-isqof Gargallo kien laqa' t-talba tagħhom u waqqaf lil Ħal Tarxien f'Parroċċa nhar id-29 ta' Mejju 1592 bl-ewwel kappillan ikun il-WR Dun Bastjan Cuscusu' fejn miet fis-sena 1598. Il-Parroċċa ta' Ħal Tarxien kienet tagħmel minn fejn illum hemm is-swar ta' Bormla (San Ġwann t'Għuxa) sal-mina ta' Ħompesħ Ħaz Żabbar, Wied Blandun sa ħdejn it-tarzna, il-Marsa sa ħdejn is-Salib li hemm fir-roundabout, l-Għolja tal-Ħorr fejn illum hemm iċ-ċimiterju ta' l-Adolorata, Kordin, Raħal Ġdid, ir-raba f'tal-Barrani u f'ta' l-Isqajjaq t'isfel u ta' l-Isqajjaq ta' fuq fejn illum hemm il-villaġġ sabiħ ta' Santa Luċija u il-Witja ta' San Anard. Kellu erja kbira mhux ħazin.
Ħal Tarxien kien hawn diversi kappelli u fosthom insemmu dik li llum tagħmel il-ġewwa mis-swar ta' Bormla, ċioe ta' San Ġwann t'Għuxa, ta' San Anard li illum ma għadiex tezisti u li kienet aktarx lejn fejn illum hemm Triq San Anard, ta' San Pawl, San Luqa u San Nikola Isqof, fejn illum hemm il-knisja parrokkjali ta’ l_Annunzjata, ta' Santa Marija, tal-Lunzjata, li aktarx kienet fejn illum hemm in-niċċa tal-Lunzjata f’tal Barrani, u xi oħrajn. Hawn min jgħid ukoll li l-knisja tal-Lunzjata kienet ħdejn il-knejjes tal-qaddisin Pawlu, Luqa u Nikola Isqof.
Meta Ħal Tarxien sar parroċċa għalih fid-29 ta' Mejju 1592 flimkien ma dik ta' Ħal Kirkop, għazel li jkollu bħala parroċċa l-ikbar knisja, dik tal-Lunzjata li aktarx kienet fejn illum hemm in-niċċa tal-Lunzjata fi Triq Tal-Barrani fejn jissemma min Mons. Duzzina li kienet f'post imwarrab u li aktarx din in-niċċa saret bħala memorja ta' l-ewwel knisja parrokkjali. Mons Duzzina jgħid ukoll li din kienet bħala l-knisja ewlenija. Hawn min jgħid li kienet tinsab flok fejn illum hemm il-knisja parrokkjali, maqtugħa għaliha mil-kappelli tal-qaddisin Luqa, Pawlu u Nikola Isqof.
Ma għaddiex żmien twil li ma bediex jinħass il-bżonn ta' knisja akbar. Għalhekk intagħżel post aktar qrib taċ-ċentru tar-raħal fejn kien hemm tlett kappelli ta' San Pawl, ta' San Luqa u San Nikola Isqof u li fuqhom bdiet tinbena l-knisja il-ġdida, fejn imbagħad wara li tlestiet inħattu dawn it-tlett knejjes biex bdiet tintuża l-knisja l-ġdida. Ma nafux eżatt meta bdiet tiela l-knisja l-ġdida. Nafu li kienu preżentaw rendikont lil Isqof Cagliares fuq talba tiegħu u li dan ir-rendikont kien jibda mis-sena 1614.
X'aktarx li l-arkitet li ħażżeż il-pjanta u ħa ħsieb il-bini tal-knisja kien Vittorio Cassar, iben l-arkitet ta' l-ordni ta' San Ġwann, Ġlormu Cassar.
Matul iż-żmien il-knisja sarulha diversi alterazzjonijiet fis-saqaf u l-koppla, fil-kappelluni, fil-kor, fis-sagristija, fil-faċċata minn ġewwa u minn barra u f'diversi inħawi oħra.
Fis-sena 1992 il-Komunita Parrokkjali ta' Ħal Tarxien iċċelebrat l-erba mitt sena mit-twaqqif tal-Parroċċa. Għal dan il-għan il-Kappillan, il-Wisq Rev. Walter Cauchi waqqaf Kummissjoni biex tipprepara programm għall-okkażżjoni. Dan kien jinkludi festi speċjali fosthom il-ftuħ ta' Dar Nażaret, id-Dar tad-Duttrina, mill-Arċisqof Mons. Gużeppi Mercieca, Lejla Mużiko/Letterarja, restawr ta' l-istatwa titulari ta' l-Annuanzjata, Quddiesa ta' ringrazzjament u kxif ta' lapida kommemorattiva f'waħda mill-arkati tal-knisja.
IS-SAGRISTIJA L-QADIMA
Nibdew fuq wara tal-knisja u nidħlu fis-sagristija l-qadima. Qabel inbnew iż-żewġ sagristiji, is-sagristiji li kienu jintużaw kienu ferm iżgħar. Dawn jinsabu eżatt kif tidħol waħda mill-kappella tal-kurċifiss u l-oħra mill-kappella tal-Kunċizzjoni. Għandhom daqs ta' bejn wieħed u ieħor sitt piedi b'xi tnax il-pied (żewġ metri b'erba'). Illum jintużaw bħala passaġġi għas-sagristiji preżenti li nbnew wara u biex titla fis sulari ta' fuq l-istess sagristiji.
Din kienet li nbniet l-ewwel ,is-sagristija l-qadima, wara diversi appelli min diversi isqfijiet, bejn 1692-1699 u Għalhekk Għadha sallum tissejjaħ is-sagristija l-qadima. Is-saqaf tagħha hu mibni troll, arkata ħdejn oħra bi twieqi żgħar. Din damet tintuża mill-kleru sakemm inbniet is-sagristija l-ġdida xi żmien wara. Hemm kaxxarezzi dawra mejt u mejda (Bankun) fin-nofs. Fihom jintrefu diversi apparat u gandlieri flimkien ma ventartali meta ma jkunux jintużaw. Hemm ukoll niċċa ta' l-injam li fiha hemm mqiegħed San Alwigi Gonżaga li sar fis-seklu 19. Hemm ukoll diversi kaxxarezzi żgħar li fihom il-fratelli kienu jerfu il-konfratija fih. Għad hemm xi wħud li għadħom jużawhom. F'din is-sagristija fuq raff jintrefa wkoll it-tużell tal-festa. F'din is-sagristija hemm bieb li jagħti għal barra t-triq.
Jekk wieħed jitla fuq isib li inti u tiela fuq il-lemin hemm żewġ kmamar li fihom hemm merfuhin l-affarijiet tal-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju, l-eqdem fratellanza fil-parroċċa, fuq erba mitt sena. Iktar il-fuq hemm żewġ swali, fl-ewwel waħda hemm mejda kbira fiha, fejn jintrefa xi apparat tal-festa u f'din is-sala sa ftit żmien ilu kienu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill Parrokkjali u l-Kumitat tal-Festa. Hemm ukoll reġistri ta' mgħamudijiet, żwieġ eċċ antiki ħafna. Nidħlu iktar il-ġewwa u nsibu sala oħra li fiha ħemm xi apparat u oġġetti oħra relatati mat-tiżjin tal-knisja. Ta' min jinnota li f'din is-sala hawn mergħfuha s-suġġetta li fi żmien l-imgħoddi kienet tintuża biex fiha jinġar is-saċerdot biex imur jagħmel l-aħħar sagramenti lil xi moribund. Hija antika ħafna u ta' min jibża Għaliha u tiġi restawrata u tintrefa f'post aktar sigur.
Fuq il-lemin hemm taraġ li jgħati għal kuppletta tal-kurċifiss u hemm ukoll żewġ kmamar li nsejħulħom ta' l-Għawdxin għas-sempliċi raġuni li fihom kienu jgħixu u jorqdu s-saċerdoti għawdxin li kienu jiġu jiffunzjonaw fil-festa titulari.
IL-KOR U S-SAQAF TAL-KNISJA
Fis-sena 1699 meta s-sagristija l-qadima kienet lesta l-isqof Cocco Palmieri fil-vista li kien għamel f'din il-knisja jgħid li f'dak il-waqt kien għaddej xogħol ta' tkabbir fil-kor tal-knisja. Ma tantx ħaffew fiha din il-biċċa xogħol għax naraw li sas-sena 1709 kien għadu kif sabu għaxar snin qabel.
Fuq kelmtejn lil kappillan, lill-kleru u lill-poplu bejn 1709-1723 sar xogħol kbir fl-istruttura tal-knisja, b'mod mhux biss li tlesta l-kor iżda wkoll s-saqaf tal-knisja li minn dak forma ta' troll bi twieqi żgħar inbidel u nbena mill-Gdid f'forma li bl-inGliz isejħulħa cross vaulting.
Kif għedna is-soqfa kienu fuq stil troll jiġifieri sensiela ta' arkati wieħed wara l-ieħor bi ftit spazzju bejn wieħed u ieħor b'xi tieqa żgħira fuq kull arkun. Jekk wieħed izur il-knisja tal-Madonna tal-Grazzja ta' Ħaz Żabbar jieħu idea ta' kif kien is-saqaf tal-knisja tagħna. Illum naraw li s-soqfa huma differenti minn kif kienu u nsejħulhom tas-sekond ordni. Biex wieħed jifhem aħjar dawn is-soqfa huma mibnijin fuq iċ-ċinta l-kbira b'pedistallata u is-saqaf cross vaulting li tirrizulta f'serje ta' lunetti li magħhom saret skultura tal-pasta u pittura mpinġija minn Ġanni Vella. Flok dawk it-twieqi żgħar li kien hemm qabel issa hemm twieqi aktar kbar u arjużi u li jgħatu aktar dawl.
Il-kor u l-kappelluni issa ġew absidati. Il-kor kien iqsar mill hu llum. Il-kwadru titulari kien imwaħħal fuq ħajt ċatt. Il-kappelluni kienu l-istess bħal kor, ċatti bid-differenza li flok l-artali kien hemm bibien li kienu jgħatu għal barra t-triq.
Meta sar dan kollu missierijietna riedu li jkollna tempju isbaħ u li jixraq lil Alla u l-Marija Annunzjata. Il-fatt li matul is-snin biddlu ħafna l-fisjonomija tal-bini tal-knisja jixhed li missierijietna wkoll kienu jimxu maż-żmienijiet (Skond il-moda ngħidu llum). Ma niskantax, il-bniedem sa mill-qedem dejjem fittex li jkun aħjar.
IS-SAGRISTIJA L-ĠDIDA
Niġu issa għas-sagristija l-ġdida. Din kienet lesta 1735 għax f'Diċembru kien sar ħlas ta' kont biex din ġiet iċċanġata. Is-saqaf tagħha huwa mibni fuq l-istil tas-saqaf tal-knisja bi twieqi kbar għal aktar dawl. Fiha hemm żewġ kmamar waħda tintuża bħala uffuċċju u l-oħra tintuża bħala kappella żgħira.
Din is-sagristija tintuża mis-saċerdoti biex jilbsu l-paramenti sagri u jippreparaw għal kull funzjoni li ssir fil-knisja. Fiha hemm armarji u kaxxarezzi maħdumin mill-injam tal-ġewż bi skultura mill-isbaħ. Dnub li qed inħalluhom fl-istat li huma. Hemm bżonn li jiġu restawrati biex hekk inkunu qed nibżu għal patrimonju li ħallewlna missierijietna. Xi għaref neħħa parti minn din l-opra int u dieħel fuq il-lemin, lejn fejn hemm il-kappella bħal ma tneħħa u tkisser il-poġġaman ta' rħam fin li kien hemm fuq il-presbiterju fis-snin 80 tas-seklu l-ieħor, minħabba li l-artal mejda ta’ l-injam ġie goff enormi u flok ċeknu lilhu, kissru opra ta’ rħam mil-ifjen.
F'din is-sagristija kien hawn diversi kwadri ta' pittura antika ħafna li qabel kienet fuq l-artali tal-knisja u li tneħħew minn din is-sagristija biex għal xi żmien spiċċaw fl-indani tat-taraġ u f'xi kmamar sakemm bdew jintlaqtu u jittaqbu. Wara li saret din il-ħsara kollha reġgħu iddendlu f'postijiet oħra.
Jekk noħorġu il-barra lejn il-kappella tal-kunċizzjoni insibu li anke hawn kien hawn sagristija żgħira l-istess daqs ta' l-oħra li tkellimna dwarha meta dħalna fis-sagristija l-qadima. Din iservi ta' entrata li minn barra tieħdok għal ġewwa l-knisja. Fiha hemm bieb li jgħati għal taraġ u li minnu titla għal żewġ t'ikmamar fejn fihom ukoll jintrefu diversi oġġetti sagri li jintramaw fil-knisja, fosthom il-bankun tal-Lunzjata, u oġġetti oħra.
Tibqa tiela l-fuq minn garigor u tasal fuq il-bejt tal-kuppletta tal-kunċizzjoni, tibqa tiela u ssib ruħek fuq il-bejt tal-kursija minn fejn tara parti kbira minn Malta. Hawn fuq hawn il-koppla.
IL-KOPPLA
Il-koppla tinsab aktar baxxa mill-livell tal-kampnari u nbniet meta nbidel is-saqaf tal-knisja. Ix-xogħol kien diġa inbeda fis-sena 1723 iżda sa Ottubru 1737 kienet għada mhix lesta. Kienet lesta aktarx bejn 1740 u 1741. Hija koppla arkitetonika u sabieħa ħafna u tixbaħ lil dik tal-katidrall ta' l-Imdina. Għandha tmien twieqi kbar bl 'apperturi tal-injam bi ħġieġ ikkulurit.
F'żewġt twieqi, dik ta' quddiem u dik ta' wara hemm żewġ muturi li jaħdmu manwalment, b'dak ta' wara jittella t-tużell tal-festa u b'dak ta' quddiem jittella l-lampier tal-fidda tal-festa.
Il-koppla hija armata bil-conduit u l-bozoz li kien ħadimħom Guzeppi Ċutajar, (mejjet), benefattur kbir tal-knisja bħal ma ħadem dak tal-faċċata u anke id-dawl tal-knisja minn ġewwa qabel reġa nbidel dan l-aħħar.
IL-KUPPLETTI
Meta kienu qed jibnu l-koppla mid-derha bdew jaħsbu biex jagħmlu l-istess fil-kuppletti. Minn April 1740 niltaqgħu ma diversi spejjes li saru fihom. Jidher li sa Diċembru ta' l-istess sena kienu diġa lesti dawk ta' San Anard u Santu Rokku għax f'dak ix-xahar sar ix-xogħol ta' l-injam u l-ħġieġ fit-twieqi tagħhom. Dik ta' San Ġuzepp tlestiet ftit iktar tard għax naraw li x-xogħol tal-ħġieġ fil-lanterna tagħha f'Marzu ta' tlett snin wara, fl-1743. Ix-xogħol fuq il-kuppletti tan-naħa l-oħra inbeda f'Ottubru 1742. F'Marzu tas-sena ta' wara ix-xogħol fil-ġebel fuq dawn il-kuppletti kienu lest. Nistu ngħidu li l-knisja ġiet kważi mibdula għal kollox minn dik oriġinali.
IL-FAĊĊATA TAL-KNISJA
Il-faċċata tal-knisja parrokkjali tagħna ma kienetx kif inhi illum lanqas. Kienet tixbaħ lil dik tal-Kon Katidral ta' San Ġwann. Nifhem li Vittirio Cassar tagħllem ħafna minn missieru li kien Ġlormu u li kien responsabbli għal ħafna bini fil-Belt Valletta fosthom San Ġwann innifsu.
Ma nafux eżatt meta sar dan ix-xogħol ta' tibdil fil-faċċata. Biss nafu li fl-1744 intefqet spiża biex saret gallerija ta' l-injam fuq il-bieb ewlieni tal-knisja. Tlett snin wara wasal orgni ġdid minn Messina. Tgħid kien hemm xi parti mill-faċċata lesta biex saret din il-gallerija u nxtara l-orgni? Ftit diffiċli tgħid. Nafu li bejn Lulju 1755 sa Mejju 1757 fil-faċċata saret dibdila kbira effett tax-xogħol li sar fiha. Kien hemm il-bżonn li jsir dan it-tibdil għax meta taw forma ta' abside lill-prospettiva tal-kappelli tal-ġnub, dawn ħarġu l-barra mill-linja oriġinali tal-knisja l-qadima.
Meta absidaw in-naħa t'isfel tal-korsija din ukoll ħarġet il-barra biex b'hekk kibret il-korsija fit-tul tagħha. Jekk inħarsu sewwa lejn il-faċċata nindunaw li għal xi raġuni ix-xogħol kien donnu waqaf ħesrem u baqa ma tkompliex sallum. Għaliex qed ngħid dan? Il-parti tan-nofs kien mibdul u mibni kollu sa fuq il-frontispizju, imma iż-żewġ naħat tal-kampnari fuq iċ-ċinta ta' taħt u li tiġi il-fuq mill-bibien tal-ġnub, hemm ħajt mibdi b'xi erba filati u mhux kompluti. Jidher li kien hemm il-ħsieb li jitkompla x-xogħol ta' bini ta' qoxra iżda għal xi raġuni li ma nafux x'kienet ix-xogħol waqaf ħesrem. Hekk naraw li l-kampnari oriġinali baqgħu intatti u li kienu nbnew mal-knisja l-ġdida. Għalhekk dawn il-kampnari ġew priservati u huma l-aktar żewġ kampnari antiki li għandna fil-knejjes tagħna. (Tgħid il-faċċata l-qadima qiegħda moħbija wara l-ġdida?)
Eżatt fuq dawn l-erba filati naraw parti minn żewġ niċeċ li l-parti t'isfel tagħħom għandi nifħem tinsab moħbija wara l-qoxra tal-faċċata l-gdida li ma tkomplitx. F'dawn iż-żewġ niċeċ qabel ma sar dan it-tibdil kien hemm statwa tal-ġebel tal-Madonna in-naħa tan naxxari u l-Anġlu Gabrijel in-naħa taċ-ċirkolu. Illum il-Madonna qiegħda f'niċċa fin-nofs fuq il-bieb prinċipali u dizgrazzjatament ma nafux x'sar mill-Anġlu. Jista jagħti kas li tfarrak waqt li kien qed jitneħħa minn postu. Dnub li l-fdal tiegħu ma nafux x'sar minnhu bħal fil-każ tal-kwadru tal-Lunzjata l-qadim, dan ukoll ma nafux eżatt x'sar minnhu. Nafu li meta kienet qed issir in-niċċa tal-Madonna tar-Rużarju, fis-seklu 20, fis-snin 70, instabu xi pilastri waqt it-tħaffir fil-ħajt fejn kien hemm il-fonti tal-Mgħamudija. Biex dan ma jintilifx tħalliet bokka, u fiha twaħħlet tieqa tal-injam li ġiet miksija bl-istess wall paper li nksiet il-kumplament tan-niċċa.
Fejn illum hemm din l-istatwa qabilha kien hemm gallerija bil-ballavostri u kienet imdaħħla l-ġewwa kif diġa għedna bħall-faċċata tal-Kon Katidrall. Kienet l-ewwel knisja parrokkjali li telgħet mill-ewwel b'żewġ kampnari u li għadħom l-istess tnejn sallum. Kienet deċizjoni tajba ħafna meta fil-bidu tas-snin sebgħin is-seklu li għadda (20) meta l-kampnari kienu fil-periklu li jaqgħu fi zmien il-ħabrieki kappillan Dun Edgar Attard (illum Monsinjur) ittieħdet id-deċizjoni li dawn jiġu restawrati u mhux maħtuta u mibnija mill-ġdid. Kieku sar kif xtaqu xi wħud kieku llum tlifna patrimonju storiku kbir.
Dan ma jfissirx li qabel sar dan ir-restawr ma sarux tiswijiet fihom qabel. Anzi fl-1744 l-imgħallem Mikiel Angelo Saliba kien irċieva tmintax il-skud għal xogħol li kien għamel fihom, fl-1784 sar xi xogħol ieħor fihom, fl-1856 reġa sar xogħol ieħor fihom u fil-koppla.
Il-bibien huma kbar u sbieħ. Fihom pumi kbar tal-bronż u għandhom ukoll xi skultura fl-injam. Fil-bieb tan-nofs fuq iċ-ċinta tiegħu hemm l-arma ta' l- isqof. Arma sabieħa fi skultura tal-ġebel. Din tinżebaħ skond il-kunjom u l-motto ta' l-isqof li jkun imexxi d-djoċesi. Dawn saru fil-bidu tas-seklu 20 fuq disinn ta' Emanuel Buhagiar. Fi żmien it-tieni gwerra dinjija quddiem il-bibien tal-knisja kienu nbnew ħitan bħala lquħ mill-blast tal-bombi li setgħu jaqgħu fil-misraħ.
Is-salib tal-frontispizzju kien ġie mibdul fil-bidu tas-snin 70 is-seklu l-ieħor. Dan sar minnħabba li l-qadim kien beda jitħaffer. Għalhekk wara li ġie ordnat ieħor ġdid u maħdum fuq l-istess disinn dan twaħħal f'postu fis-sena 1973 mis-sinjuri Joe Schembri (ta' l-Għajxa) u Carmel Garcia. Taħtu tpoġġew xi muniti deċimali li kienu għadħom kif bdew jintużaw wara li spiċċat is-sistema l-qadima tax-xelini u s-soldi. (Sterlina). Is-salib il-qadim jinsab fl-uffiċċju tal-kappillan bħala dekorazzjoni fuq parti mill-lembut ta' wieħed mill-kampnari.
Ngħaddu issa għaz-zuntier ta' quddiem il-knisja. Dan iz-zuntier hu wieħed mill-isbaħ u qiegħed fuq għaxar tarġiet. Id-disinn hu magħmul minn speċi ta' tlett nofsijiet ta' tundjatura u bejniethom speċi ta' maqrut. Kien ġie restawrat fis-snin 60. Kienu saru żewġ brazzi bi tlett fanali flok oħrajn li kienu tal-bronż u li fl-imgħoddi kienu jinxtegħlu biż-żejt u aktar tard bil-gass. Dawn il-fanali tal-bronż kienu jinsabu merfugħin f'kamra taħt il-qampiena l-kbira fil-kampnar tan-naħa tan-naxxari.
QNIEPEN
Il-Fustanija l-Antika
- Din kienet l-ewwel qanpiena li saret għax imkien ma jidher miktub li kien hemm xi oħra qabilha u saret fl-1673 fi zmien il-Kappillan il-WR Mario Axisa. Din iġġib fuqha fost l-oħrajn l-ittra M għal Madonna. Illum tintuża biex iddoq it-tokki ta' l-arloġġ.
Iż-Żgħira l-Antika
- Saret 1754 fi żmien il-WR Kappillan Dun Tumas Ċirillu Formosa u ġġib l-arma ta' San Pawl. Fi żmien kienet ixxaqqet u l-WR Kappillan Anton Rapa fl-1960 irranġaha. Ix-xogħol sar mis-Sur Edwin Fleri mir-raħal li kien mgħaruf wieħed mill-aqwa welders u saret fit-tarzna ta' Malta.
Il-Kbira l-Qadima
- Saret fl-1754 u msejħa "ta' Gana" Għal-familja li ħallsitha. Inħadmet min mastru Alojsio Buġeja. Ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Alpheran de Bussan
Il-Kbira
- Din saret fis-sena 1887 fi żmien il-kappillan il-WR Dun FranGisk F Attard u saret minn Gulju Cauchi fil-ħanut tiegħu fin-nieżla ta' Għajn Dwieli. Ġiet ikkonsagrata fit-18 ta' Diċembru 1887 mill-Isqof Awżiljarju Antonio Buhagiar u qamet 4,230 skud (353 liri tad-deħeb). (LM49.20 [2004]).
L-Għawdxija
- Din ġiet Ħal Tarxien fit-23 ta' April 1939, (Ħadd fuq l-Għid il-Kbir).
Biex inġiebet din il-qanpiena kien sar ftehim bejn Dun Ġuzepp Cassar ta' Sannat Għawdex u Dun Mikiel Vella Prokuratur tal-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Tarxien. Kienet konsagrata oriġinarjament fit-13 ta' Settembru 1891 mill-Isqof Gużeppi Maria Camilleri Agostinjan u Isqof ta' Djoċesi ta' Għawdex u ġiet mgħotija l-isem ta' Margerita Għat-titular tas-Sannat. Meta giet Ħal Tarxien issemiet Mikelina għal San Mikiel il-qaddis ta' Dun Mikiel Vella li tħabat biex inġiebet hawn.
Kien qam ftit tal-inkwiet minnħabba fiha din il-qanpiena għax li kien għall-Isqof Gonzi ta' Għawdex din ma ħarġietx minn hemm. Assolutament ma riedx li toħroġ mill-gzira. Fuq hekk il-poplu ta' Ħal Tarxien għamel protesti fejn ma sarux festi u anke meta saret il-purċissjoni ta' San Girgor ma ndaqqux qniepen. Hawn Gonzi baxxa rasu u rranġa kollox malajr.
Ġiet imbierka mill-ġdid minn Dun Mikiel Aquilina, Kappillan wara li saret festa fejn anke daqqet il-banda u wara ġiet imtella fil-kampnar fejn għada hemm sallum.
Pawlina w Gużeppina
- Il-Ħadd 27 ta' Marzu 1960 Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi allura issa isqof ta' Malta ikkonsagra żewġ qniepen ġodda, lil Pawlina u Ġużeppina. Pawlina biex tfakkar iċ-ċentinarju tal-miġġja ta' San Pawl fostna u Ġużeppina biex tfakkar li San Ġużepp huwa l-protettur tal-Ħaddiema.
Dawn il-qniepen inħaddmu f'Milan minn Fratelli Bariguzzi. Pawlina tiżen 5 qnatar u Ġużeppina 3 qnatar.
Fuq Pawlina hemm l-armi tal-Papa Gwanni XXIII, ta' l-Arċisqof Mikiel Gonzi u tal-Kappillan il-WR Dun Anton Rapa biex ifakkru li saru fi żmienhom flimkien ma xbieha ta' San Pawl.
Hemm ukoll arma b'figura ta animal tiela ma siġra li kienet ma waħda mill-qniepen li ddewbu biex saru tnejn ġodda u li aktarx huma tal-familja Azzopardi.
Fuq Ġużeppina hemm l-arma ta' Ħal Tarxien u l-arma tal-funderija Bariguzzi, flimkien max-xbieha ta' San Ġużepp. Hemm ukoll il-motto ta' Ħal Tarxien li bil-latin jgħid, "TYRII GENUERE COLONI' li bil-malti tiġi, 'il-Feniċi Ħolquni".
Kollox ma kollox meta tħares lejn il-faċċata tara simetrija arkitetonika mill-isbaħ.
Faċċata imponenti u ta' min jammira' sewwa.
L-ORGNI
Bħal ma l-qniepen isemmu leħinħom biex isejħu lil-fidili għat-talb jew għal kull funzjoni li tkun se ssir fil-knisja, hekk l-orgni flimkien ma kant tal-fidili ifaħħar l' Alla bil-ħsejjes tiegħu. Ħsejjes sbieħ u melodjużi.
Illum ma ngħaddux minnhajr xi tip ta' mużika jekk pop jew jazz, rock jew klassika. Insomma kull tip ta' mużika. Hekk fil-funzjonijiet tal-knisja, minnhajr orgni il-kant qisu ma jkunx komplut. Għalhekk missierijietna ħasbu biex huma wkoll, bhal fi knejjes oħra jkollhom orgni.
L-orgni inġieb minn Messina fl-1747 fi żmien l-isqof Fra Alpħeran de Bussan u l-Wisq Reverendu Kappillan Dun Federico Michele Abela iben Ħal Tarxien, li fi żmienu sar xogħol ta' tibdil kbir fosthom il-faċċata tal-knisja.
Dan l-orgni qiegħed fl-arzella ta' fuq il-bieb prinċipali tal-knisja. Barra t-tistiera li fuqha jagħfas l-organista, l-orgni fiħ diversi tubi li nsejħulħom sfafar ta' daqs differenti kollha minn xulxin, mgħamula minn metal apposta, biex il-ħoss ta' kull suffara jkun differenti mill-kumplament tas-sfafar l-oħra. Biex dawn is-sfafar isaffru l-organista jagħfas fuq it-tistiera biex tkun tista tgħaddi l-arja. L-arja minn fejn tiġi? Din tiġi minn minfaħ apposta li jagħmel parti mill-orgni. Qabel din l-arja kienet tidħol permezz ta' pedala li daqxejn ta' ġuvnott kien jagħfas waqt id-daqq ta' l-orġni. Min jaf kif kien jegħja. L-istess sistema ta' pompa ta' l-arja li biha nonfħu xi tire meta nafsuha b'saqajna għal kemm il-darba.
Illum din l-arja tiġi permezz ta' mutur ta' l-arja li jaħdem bl-eletriku. Illum jindaqq darba fis-sena biex tindaqq l-antifona tal-Lunzjata u l-barka fid-dħul tal-purċissjoni. hija ħasra li m'għadux jindaqq aktar spiss bħal fi zmien il-kappillan Dun Edgar Attard fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor meta kien jindaqq kull nħar ta' Ħadd għal Quddiesa kantata tat-8.30 a.m, kull nhar ta’ Ħadd. Illum jintuża orgni li nxtara fis-snin 80 ta' l-istess seklu. (Għandu ħoss artifiċjali eletroniku li mhux sabiħ daqs dak naturali tal-gallerija).
L-iskultura tal-gallerija saret mill-iskultur Vincenzo Cardona għal ħabta tas-sena 1950, iben Salvatore li għamel l-iskultura tal-pasta fis-saqaf tal-knisja.
IL-MISRAĦ TA' QUDDIEM IL-KNISJA
Il-Misraħ ta' quddiem il-knisja ma kienx kif inhu illum, imma kien mibni kważi sa quddiem iz-zuntier u għalhekk ma kienx hemm misraħ. Il-misraħ kien fuq in-naħa tal-lemin jekk int tkun tħares lejn il-knisja. Kien misraħ żgħir li fiħ aktarx kien isir is-suq ta' l-ilsiera. Imma meta twaqqa xi bini minn quddiem il-knisja din kibret għal li hi llum. Għalkemm mhux kbira biżejjed. Kien hemm il-ħsieb sa ftit tas-snin ilu li l-bini li għad baqa quddiemha jitwaqqa biex tinfetaħ pjazza akbar u tiġi magħquda ma Triq il-Knisja. Xi dnub li twettaqx dan il-ħsieb.
TAGĦRIF GENERALI
Il-knisja għanda magħha kennirja li tinsab taħt is-sagristija l-ġdida. Din kienet tintuża biex fiha jintrefa l-fdal ta’ għadam li kien jinqala mill-oqbra li kien hemm fil-knisja. Fuq iz-zuntier ukoll hemm kennirja oħra li dan l-aħħar meta sfrondat instab li fiha kien għad hemm xi twiebet magħluqin u anke xi għadam uman fosthom ras ta’ skeletru b’xedaq snien bojod karti.
Fil-quċċata tal-koppla u l-kampnari hemm imwaħħla virga tal-bronż li qiegħda mqabbda ma ħabel ta' l-azzar li jibqa niżel sa ġewwa l-ġiebja tal-knisja minnħabba s-sajjetti.
Meta wieħed jitla t-taraġ (garigor) tal-kampnar jasal f'kamra fejn tara l-mażżri ta' l-arloġġ. Minn hawn toħroġ għal fuq il-bejt tal-kuppletti in-naħa ta' l-artal tal-Madonna tal-Karmelu. Aktar il-fuq tidħol minn kuridur dejjaq li minnhu tiġi fil-gallerija ta' l-orgni.
Jekk taqsam minn naħa għal oħra tal-gallerija issib ruħek f'kuridur ieħor li jwasslek f'kamra li fiha hemm xi imbarazz u hemm mutur jaħdem bl-eletriku biex bih ikun jista jaħdem il-minfaħ ta' l-orgni. Hemm xi disinji ta' l-injam li fl-imgħoddi, qabel saret il-pittura kienu jintramaw fuq iċ-ċinta tal-knisja. Titla taraġ u ssib ruħuk fuq il-bejt tal-kuppletti tan-naħa ta' l-artal tal-Madonna tar-Ruzarju. Hemm tlett kuppletti. Hawn, issib kamra taħt il-kampnar li fiha kienu jintrefu diversi affarijiet. Illum jintrefu il-lasti tal-bozoz u xi disinji tal-faċċata tal-knisja.
L-ARLOĠĠ
Jekk nerġu lura lejn it-taraġ tal-kampnar u nibqu telgħin il-fuq insibu l-kamra tal-arloġġ. F'din il-kamra hemm il-makna ta' l-arloġġ li jagħti l-ħin lil parroċċani u li jrid jingħata l-ħabel darba kull 24 siegħa. Il-Ħabel jingħata billi jitellu il-mażri l-fuq. Jaħdem permezz ta' dawn il-mażżri jinżlu ftit ftit l’isfel permezz tal-piż tagħħom. Jiġi regolat il-ħin permezz ta' minutiera minn ġewwa li qiegħda mwaħħla ma dik ta' barra u li tagħti l-ħin.
Dan l-arloġġ sewwa 300 skud u inħadem mill-arloġġar Gananton Tanti wara s-sena 1786 meta f'din is-sena kien sar il-kuntratt. Il-ħin jimmarkaħ b'minutiera waħda li nistu nsejħulha siegħatiera għax timmarka is-siegħat. Iżda meta din tkun bejn numru u ieħor hemm jimmarakaw il-kwarti, nofs siegħat u tlett kwarti.
Maż-żmien saru diversi tiswijiet fih, fl-1820, fl-1821 u qrib is-sena 1871. Hawn jidher li saret tiswija mhux ħażin għax intefqu 175 skud li kienet soma mhux ħażin għal dak iż-żmien.
Mindu spiċċa Ġużeppi Dalli minn sagristan (kien ilu ‘l fuq minn 60 sena u Illum midfun fiċ-ċimiterju tar-raħal) ftit tas-snin ilu dan ma baqax jaħdem u wisq iżjed jinstema jagħtina l-ħin iħax il-knisja sfat minnhajr sagristan. Xi dnub minnhajr sagristan. Illum reġa qiegħed jaħdem bit-tħabrik tal-Kappillan il-Wisq Rev Dun Reuben Deguara. Il-mażżri meta jkun niżlu kollha isfel jerġu jittellu awtomatikament ‘il fuq b’mutur eletroniku.
INKOMPLU TELGĦIN 'IL FUQ
Nerġu lura għat-taraġ u nibqu telgħin insibu ruħna fil-kampnar fejn naraw veduta sabiħa u nġibu taħtna lil Ħal Tarxien kollu. Kif ġa għedna f'dan il-kampnar hemm ħames qniepen li tnejn minnhom huma ta' l-arloġġ, il-qadima u t-tnejn ġodda Pawlina u Ġużeppina li tbierku u ittellu il-Ħadd 27 ta' Marzu 1960. Biex naqsmu għal kampnar l-ieħor irridu ngħaddu minn passaġġ dejjaq maqtugħ fil-għoli fuq ix-xorok u mwaħħal mal-frontispizzju, speċi ta' gallerija twila. Fil-kampnar l-ieħor insibu ż-żewġ qniepen l-oħra l-għawdxija u l-kbira. F'dan il-kampnar hemm lapida ta' l-irħam li tfakkar meta ttellgħet il-qanpiena l-kbira.
Jekk ninżlu isfel u noħorġu fuq iz-zuntier tal-knisja naraw illi dan iz-zuntier kif tkellimna aktar qabel għandu disinn sabiħ ħafna. Taħt dan iz-zuntier hemm kennerja li dan l-aħħar meta għamlet xita qliel u sfronda parti minnhu in-naħa ta' fejn ħemm il-fonti tal-mgħamudija instabu xi twiebet u xi għadam uman li kien għadu ma tneħħix meta sar il-paviment żmien ilu u anke meta ġie rranġat iz-zuntier fis-snin sittin. Issa dawn tneħħew u ġew midfuna fiċ-ċimiterju ta' l-Erwieħ fl-istess parroċċa tagħna.
L-ARTI FIL-KNISJA PARROKKJALI TAGĦNA
Il-knisja li ntagħzlet bħala parroċċa fis-sena 1792 ma nafux kelliex xi siwi artistiku, biss nafu li fl-1575 kellha żewġ artali, wieħed tal-Lunzjata t-titular u wieħed fil-ġenb li kien tal-Madonna iżżur lil qaribitha Santa Eliżabetta. Fiż-żjara ta' l-isqof Cagliares fl-1600 insibu li kien hemm żewġ altari oħra wieħed ta' Santu Rokku u ieħor tal-Madonna tar-Rużarju.
Dan juri li barra l-fratellanza tas-sagrament li kien ħeġġeġ Mons. Duzzina biex isiru f'kull knisja kien hemm ukoll dik tar-Rużarju f'kull belt u raħal. Fl-1615 żdiedu żewġ altari oħra ta' Sant Agata u San Leonardu.
Jidher li din il-knisja l-qadima baqgħet tintuża sal-1621 meta mbagħad ġiet abbandunata wara li bdiet tintuża l-knisja l-ġdida. Ma nafux meta ġiet abandunata jew imġarrfa iżda dan ġara aktarx meta tbierket il-knisja parrokkjali l-ġdida.
Hawn min jaħseb li kienet fejn illum hemm il-bieb tal-knisja u kienet f'għamla rettangolari (tawwalija) u kien hemm ċimiterju magħħa. Kienet tħares lejn iż-Żejtun. Kif għedna qabel, din aktarx kienet fejn illum hemm in-niċċa tal-Lunzjata u aktarx li kien hemm salib in-naħa l-oħra tat-triq tal-barrani, it-triq li tagħti għal Gudja u li sa ftit snin ilu għadni niftakar xi fdal minnhu.
Fil-knisja l-ġdida insibu li mill-pjanta ta' Vittorju Cassar tista tgħid li ma baqa xejn ħlief il-pjanta ekwilibrata u l-kampnari li huma ġawhra arkitetonika klassika-Maltija (Kav. Rafel Bonniċi Cali)
Sa l-aħħar tas-seklu 19 l-artali tal-ġnub kienu kollha skultura fil-kolonni u anġli u qaddisin. Xogħol li kien sar fis-seklu 18. Għad baqa xi kolonni immaljati fiċ-ċimiterju ta' l-erwieħ. Illum ġew imqiegħda f’daħla fin-naħa l-ġdida taċ-ċimiterju. Dnub li tħallew hemmhekk mikxufin għal elementi biex ikomplu jitherrew u jitfafrfru, flok qedgħin merfugħin x'imkien fiż-żgur. Ma xi ħitan tad-djar l-hawn u l'hemm għadna naraw xi uċuħ ta' xi anġli mwaħħlin taħt jew fuq xi tieqa li kienu jagħmlu parti minn din l-iskultura, fosthom fi Triq il-Kbira u fit-Triq l-isqajjaq, u anke f’Misraħ is-suq.
Fil-knisja għandna diversi pitturi u nibdew b'dik ta' Ġużeppi Cali li għandna fil-kor bil-wiegħda li għamel Alla lil Adam u Eva tal-miġġja tal-Mulej, it-twelid ta' Ġesu’ u l-ħarba lejn l-Eġittu u żewġ pitturi iżgħar ta' San Pawl u San Pietru. Għandna wkoll l-erba evanġelisti fil-lunetti tal-koppla u żewġ kwadri tad-Duluri u San Franġisk de Paola. Insibu wkoll il-buzett tad-duluri u l-kwadrett ta' San Viċenz Ferreri, fl-1925.
Il-Pittura tas-saqaf tkompliet wara t-tieni gwerra dinjija mill-pittur Ġanni Vella. Fiha naraw diversi xeni mill-ħajja tal-Madonna. Naraw ukoll profetessi u profeti, nisa u rġiel mit-testment il-qadim. Pittura oħra saret mill-Kav. Rafel Bonniċi Cali fit-tlett arzellel fejn il-kompożizzjonijiet jaqblu ma dik ta' Ġuzeppi Cali fil-kor.
Naraw il-konċilju ta' Efesu li fih il-Madonna ġiet imsejjħa Omm Alla, fil-Kappellun tal-Madonna tal-Karmelu, allegorija tal-Konċilju Vatikan it-tieni fil-Kappellun tal-Madonna tar-Rużarju u allegorija storika tal-Magnifiċat li kantat il-Madonna wara t-tħabbira tal-Mulej. Ħallas għaliħa is-Sur Ġorġ Penza.
Ix-xbieha tal-Lunzjata fl-artal tal-kor, it-titular tpinġa minn Pietro Gagliardi 1874 u sewa 200 lira u tħallas mill-familja Abela. Gagliardi pinġa wkoll is-sotto kwadru tad-Duttrina li hemm fuq l-artal tal-Madonna tal-Karmnu. Dan il-pittur kien tqabbad mill-Isqof Pace Forno u skond tradizzjoni tax-xjuħ tagħna l-isqof ħa rigal minn għandu l-kwadru ta San Gejtano għall-kor tal-knisja tal-Hamrun.
Flok dan il-kwaddru tal-Gagliardi kien hemm kwadru ieħor li kien tpitter minn Alessio Erardi fis-sena 1739. Fih kien hemm ovjament ix-xbieħa tal-Lunzjata, kif ukoll San Pawl u San Luqa flimkien max-xitan iħares biċċiera lejn l-Anġlu Gabrijel. Propju minnħabba f'hekk tneħħa l-kwaddru l-qadim biex sar ieħor ġdid floku għax inħass li mhux xieraq, għalkemm kien fih it-tifsira tiegħu. Ma nafux x'sar minnhu dan il-kwaddru. Aktarx inqered bejn l-aħħar tad-dsatax il-seklu u l-bidu ta' l-għoxrin seklu. Nafu biss li kien spiċċa fl-1900. Aktarx jew inħaraq jew tħalla jitherra bħal kwadri oħra li qed ikompli jitherrew u li qedgħin imdendlin ma ħitan umduzi. Donnu hawn fir-raħal tagħna ma tantx kien hawn minn jieħu ħsieb li oġġetti ta' valur jintrefu u nieħdu ħsiebhom. Kulltant ngħid li kien hawn min ma japprezzax.
Terġa qablu kien hemm kwadru ieħor tal-Lunzjata li kien kemmxejn differrenti (1638). Kien maqsum f'erba kwadri. Kristu fin-nofs bejn San Franġisk, San Pawl u San Luqa, filwaqt li l-Anġlu u l-Madonna kienu fil-quċċata tal-kwadru. Din kienet użanza fil-knejjes fiż-żmien tar-rinaxximent bikri. Aktarx kien spiċċa għax kien inħaraq b'xi dizgrazzja bix-xema'.
Għandna ħafna pittura oħra fuq l-altari. Issa xieraq naraw xi ftit dwar l-iskultura.
SKULTURA
L-eqdem xogħol ta' skultura li hawn fil-knisja tagħna hija bla dubju l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. Din saret fis-seklu 17 u saret fuq oħra li hemm għand id-Dumnikani tar-Rabat. Din l-istatwa kienet toħroġ f'kull festa tal-Madonna fosthom il-Lunzjata, tar-Rużarju, taċ-Ċintura, Kunċizzjoni, eċċ. Dan kien isir tista tgħid fil-knejjes kollha ta' Malta, Għax hekk kienet l-użanza.
Għal ħabta tas-seklu 19 bdew isiru ħafna statwi titulari u naraw fosthom Santa Marija ta' Ħal Għaxaq u oħrajn. It-Tarxienizi ħasbu wkoll li jkollom statwa titulari tal-Lunzjata. Hekk naraw, li kif għaddiet il-pesta qabdu lil Mastru Xandru Farrugia jagħmel statwa u li din iżżanzżnet fil-festa ta' 1829 u li dak iż-żmien kienet tiġi ċċelebrata fil-25 ta' Marzu. Tista tgħid li ħarġitlu l-aħjar biċċa xogħol li għamel.
Fl-1885 ġiet irranġata xi ftit taħt id-direzzjoni ta' Ġuzeppi Cali fejn anke saritilha ras ġdida. Ma sarx kollox kif xtaq Cali għax ir-raġġiera bil-ħamiema li tirrappreżenta l-Ispirtu s-Santu ma saritx għax ma servewx il-flus u flokha sar pedestal u bradella ġodda. Il-pedestall sar fuq disinn tal-Perit Mikiel Busuttil.
Fl-istess zmien sar it-tużell tal-festa mill-iskultur Franġisku Faure fuq disinn ta' V. Busuttil. Għandna mbagħad żewġ statwi ferm sbieħ ta' C. Darmanin, dik tal-Kunċizzjoni u dik tal-Madonna tad-Duttrina, maħduma fil-karta pesta, li t-tnejn ġew restawrati ftit tas-snin ilu mit-Tarxeniżi skultur u statwarju Renzo Gauċi flimkien ma l-induratur Joħn Orlando li rrestawraw ukoll l-istatwa titulari
ta' l-Annunzjata fis-sena 2003/2004.
Imbagħad għandna l-istatwa ta' San Alwiġi Gonzaga li saret minn Vinċenso Cremona f'nofs is-seklu 19. Din tinsab fis-sagristija l-qadima u kienet ġiet restawrata xi snin ilu mill-istess Renzo Gauċi.
Il-Lunzjata
Fis-seklu l-ieħor ġewwa Bolzano saru l-vari tad-Duluri, ta' San Ġużepp u San Franġisk t'Assisi, l-ewwel tnejn ta' l-injam u dik ta' San Franġisk fil-karta pesta. Il-vara tad-Duluri wkoll ġiet restawrata mill-ġdid mill-bravu Renzo Gauci xi snin ilu. Dwar l-istatwa tad-Duluri, din tħallset mis-sinjura Zammit. Dini s-sinjura xtaqet lid in tkn magħmula għal-parroċċa ta’ Kristu Re Raħal Ġdid, imma dawn ma ridux u għalhekk din il-mara offrietha lil parroċċa tagħna. Meta kienet ser toħroġ għal-ewwel darba fil-festa tagħha tad-duluri, ġimgħa qabel l-Għid il-kbira fl-1952, din ittardjat ma waslet u għalhekk kien ħareġ proċessjonalment il-kwadru tal-Cali li inqala mil-artall tagħha għal dan il-għan.
Ngħaddu issa għal fuq l-artal tal-kurċifiss. Hawn naraw biċċa xogħol mill-isbaħ ta' skultura fl-injam, dik tal Kurċifiss innifsu fuq stil Barokk Ruman. Ma nafux min għamel din l-iskultura. Hawn min jattribwih lil Melchiore Gafa, li għex fis-seklu 17, iżda aktarx li xogħol Taljan. Melchiore Gafa nistu ngħidu li kien l-aqwa skultur li qatt kellha Malta.
L-ALTAR MAĠĠUR
Xogħolijiet sbieħ oħra huma l-artal maġġur, xogħol mill-ifjen maħdum fl-irħam fin ħafna. Ħaddmu l-marmista Senglean Antonio Nikolas fl-1783. Għandi nifhem li l-fontijiet tal-ilma mbierek ħadimhom l-istess marmista. Dawn kellhom magħhom ukoll xbiehat ta' l-Ispirtu s-Santu li kienu nsterqu.
L-artal barra s-sedja u l-iskanelli tal-prima u s-sekonda, (Speċi ta' tarġiet jew xkafef fejn jitpoġġew il-kandlieri) Għandu wkoll il-ġilandra. Din qieġħda fuq it-tabernakklu. Fiha jiġi espost is-sagrament għal qima tal-fidili. Ġilandra mill-isbaħ li għandħa żewġ kolonni fuq kull naħa. Il-bieba hija tal-fidda li ddur fuqha nnifisha biex tingħalaq jew tinfetaħ. Qabilha kien hemm bieba oħra li kienet insterqet mill-Franċizi meta Napuljun invada lil Malta.
Il-gandlieri u l-appostli li huma ta' l-injam indurati fil-fidda saru mill-iskultur Vincenzo Dimech. Emmanuele Buhagiar Għamel id-disinn tal-ventartal li inħadem fil-fidda ġewwa l-Italja fl-1950.
Kien sar kanċell ta' l-irħam madwar il-presbiterju u kellhom isiru gradi tal-bronż biex ikun jista jingħalaq iżda għal xi raġuni dawn ma sarux. Fis-snin 80 is-seklu li għadda fi żmien il-kappillan Dun Dione Cutajar, dan il-kanċell inqala u miegħu spiċċat parti mill-wirt li ħallewlna missierijietna. Kien ħallas għaliħ Nikola Mallia li kellu ħanut ta' l-irħam ħdejn l-Erwieħ.
Fuq wara ta' dan l-artal hemm armarju li llum huwa maħdum fil-kewkba iżda li qabel kien ta' l-injam irħamat pariġġ l-artal u li kien wasal fi stat li jinbidel. Inħadem mill-benefattur kbir li illum jinsab ħdejn il-Mulej, Gużeppi Farruġia li kellhu l-ħanut tax-xogħol tiegħu ħdejn iċ-ċirkolu San Gwann Bosco biswit il-knisja. Kien mgħallem bravu li ħadem diversi xogħolijiet fil-knisja tagħna fosthom il-biebha tan-Niċċa tad-Duttrina l-artal mejda, l-ambone, is-sedji, il-gradenzini u ħafna xogħol ieħor kemm f'din il-knisja kif ukoll f'diversi knejjes oħra madwar Malta.
SKULTURA OĦRA
Xogħol ieħor fl-injam insibu is-sedji tal-kor, il-pulptu li llum m'għadux aktar fil-knisja imma ittieħed fil-maħżen tal-festa fi Triq Sqajjaq. Illum jinsab fl-entrata tas-sala ta‘ Dar Nażaret. Il-kupperċ tal-fonti tal-mgħamudija li illum jinsab quddiem in-niċċa tal-Kunċizzjoni u l-faċċata ta' l-orgni l-antik, xogħol fl-iskultura mill-isbaħ minn mastru Franġisku Zahra fis-seklu 18 fi żmien l-Isqof Alferan de Bussan. Is-sopraporta saret fis-seklu 20 minn Emmanuel Buhagiar.
FIDED
Ta' interess insemmu affarijiet oħra li huma xi fided li għandna f'din il-knisja u nibdew bil-ventartal tal-fidda li sar fuq disinn ta' Emanuel Buhagiar, l-Ostensorju tar-relikwa tal-festa mħallas minn Dun Naz. Galea mill-istess disinjatur. Buhagiar għandu diversi xogħolijet disinjati minnhu f'din il-knisja fosthom tlett slaleb tal-ebano u fidda, żewġ pari lanterni tal-fidda, trieħi tal-artali u standart tad-Duttrina u bandalora tax-xirka tal-isem imqaddes t'Alla.
L-OSTENSORJU
L-ostensorju huwa dak l-oġġett li fih jitpoġġa il-fdal ta' xi ħaġa sagra, ngħidu aħna xi frak ta' għadam ta' xi qaddis jew qaddisa, jew xi biċċa drapp ta' xi ħwejjeg li kienet tappartjeni lil xi qaddis, jew xi farka żgħira mis-Salib Imqaddes, jew xi ħaġa li kellu jew kella x'taqsam ma dak jew dik il-qaddis jew qaddisa.
L-ostensorju li għandna llum fil-knisja tagħna u li jintuża biss għal-festa titulari ta' l-Annunzjata ma kienx l-uniku wieħed li kellna, iżda qablu kien hemm oħrajn. Wieħed li għadu jintuza huwa tal-fidda u illum dan jintuża għal-festa sekondarji kollħa tal-parroċċa. Sa ftit tas-snin ilu dan kien jiġi misluf lill-parroċċa ta' Birżebbuġia għal-festa ta' San Pietru fil-Ktajjen. Huwa ostensorju kemmxejn kbir u magħmul kwadru.
L-ostentensorju li għandna u li ngħidulu tal-festa sar fis-sena 1927 bi flus Dun Injazju Galea, Tarxieniz, fejn kien tah lill-knisja parrokkjali tagħna b'testment li sar fis-17 t'April 1927 għand in-nutar Alfredo de Caro.
Dan l-ostensorju hemm fiħ relikwa tal-Madonna (jgħidu li hi biċċa drapp mill-libsa tal-Madonna, aktar xi farka żgħira ta‘ ġebla miġjuba mill-għar tal-Madonna ġewwa Nażaret). Dan jintrefa f'kaxxa apposta tal-kewkba. Għandu għamla ta' Tempju stil Ruman. Fih koppla li qed isserraħ fuq seba kolonni li jfissru is-seba doni ta' l-Ispirtu s-Santu u fuq il-koppla hemm salib u ħamiema xbieha ta' l-Ispirtu s-Santu. Isem Dun Injazju jidher fis-sieq tiegħu. Id-disinn ta' dan l-ostensorju sar minn Emmanuele Buhaġiar u nħadem fil-fidda fl-Italja. Huwa bbanjat fid-deheb isfar. Dan l-aħħar kien ġie restawrat u bbanjat mill-ġdid.
Dun Injazju miet ta' 80 sena nħar it-3 ta' Mejju 1928.
LAMPIERI TAL-FIDDA
Imbagħad hemm il-lampieri tal-fidda tal-festa tal-maġġur u l-kappelluni mill-fondazzjoni Dun Ġwann Barbara. Saru fil-bidu tas-seklu 19, il-lampier ta' San Ġuzepp sabiħ ħafna u sar bil-flus tas-saċerdot Anton Barbara fis-seklu 18. Lampier ieħor ħuwa dak irregalat mil-Gran Mastru Pinto fl-1725. Imma l-aktar oġett għaziz li għandna hija l-Isfera bir-raġġiera (Ostensorju), l-ikbar wieħed li hawn f'Malta, imżejjen b'ħaġar prezzjuż u b'ġojjelli mgħotija mill-Barunissa Ubaldiska Vaz-Pizzuto.
Ħafna mill-fided saru fi żmien il-Kappillan Dun Tumas Ċirillu Formosa. Il-knisja kienet magħduda ma l-aqwa knejjes f'dak iż-żmien għax kellha d-damask u apparat tal-ħarir iffjurit mill-ifjen (1767).
IS-SALIB TAL-KLERU
Is-Salib tal-kleru hu wieħed mill-isbaħ li hawn f'Malta. Hu magħmul mill-fidda mastizz, tqil mhux ħażin, infatti meta jinħareġ fil-funzjonijiet u purċissjonijiet dan jintrefa minn bniedem adult u mhux minn abbati għax huwa kif għedna tqil ħafna. huwa magħmul minn lasta u fil-quċċata is-salib imqiegħed fuq globu ibbanjat bid-deheb.
TRIEĦI EĊĊ.
Imbagħad il-knisja tagħna hija mżejna b'diversi bizilel tat-trieħi ta' l-artali fosthom waħda mill-isbaħ dik tar-Ruzarju li fiha xeni tal-ħmistax il-posta maħduma min-nisa' tar-raħal fi Triq Xintill.
Naraw ukoll trieħi tar-rakkmu tad-deheb fin maħduma fuq bellus aħmar fosthom ta' l-artal maġġur, l-artal tal-kor miġbura b'lotterijiet fis-snin sebgħin minn Gaetano Barbara u Carmel Garċia, dik ta 'l-artal tar-Rużarju u dik fuq l-artal tal-Karmelu mgħamula mill-fratellanza tad-Duttrina. Ghandna oħrajn maħduma fir-rakmu għas-sekondi festi tar-Rużarju u tad-Duttrina għal-artal maġġur.
ID-DAMASK
Xi ngħidu mbagħad għad-damask tal-knisja. Dan sar bi flus il-benefattur Dun Ġwann Barbara. Dan kien ħalla ġidu kollu lil-knisja tagħna. Huwa damask aħmar b'disinn tal-palma li sar fl-1767.
Meta kien hawn il-Franċiżi ħawn Malta u dawn bdew jisirqu l-fided u ħwejjeġ oħra ta' valur bħad-damask, it-Tarxienizi ħbew dan id-damask fl-oqbra tal-knisja parrokkjali, għax kien isir id-dfin fil-knisja. Infatti kien għad baqa xi biċċtejn damask imtebba bl-umdita.
Minnħabba li ġiet invjata l-knisja mill-iskultura li kellha il-fond fil-ġnub ta' l-artali tal-Karmelu u tar-Rużarju ġie vojt. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li ssir xi ħaġa biex tissewwa l-ħsara li saret meta tneħħiet din l-iskultura u tlifniha darba għal dejjem. Fl-1913 inxtara drapp tad-damask tal-palma minn għand id-ditta Busuttil biex jiżżejnu dawn il-vojt ta' ma ġenb l-artali imsemmija. Dawn l-erba biċċiet damask inħietu minn Vittorja Debono.
Ftit taż-żmien ilu, ftit snin qabel miet il-kanonku Dun Ġwann Sant, bit-tħabrik tiegħu, wara li sar xi ġbir fosthom mis-Sur Tony Farrugia,u mill-ftit fondi li kien baqa tal-fondazzjoni Barbara, inxtara damask ġdid biex jiġi mibdul ma ieħor li tqatta u terrha biż-żmien. Fost dawn kien hemm appuntu dawn l-erba biċċiet li saru fl-altari imsemmija u ġew mibdula wkoll il-pavaljuni tal-arkati. Kienu diversi il-benefatturi li għenu fil-finanzi u fil-ġbir. Ix-xogħol tal-ħjata qed sar minn foluntiera mara. Dun Ġwann Sant, saċerdot mill-parroċċa tagħna ħadem sa l-aħħar għal ġid tal-knisja. Wara li ħuħ il-Proffesur Mons. Dun Karm Sant miet, il-fondi ta' Dun Ġwann Barbara għaddew f'idejn Dun Ġwann, li għal fuq minn 20 sena sena ħa ħsieb it-tmexxija taċ-Ċirkolu Azzjoni Kattolika San Ġwann Bosco.
Dun Karm kien studjuż tal-Bibbja u kien hu li waqqaf il-Kummissjoni Bibblika Nazzjonali u kien hu li qaleb il-Bibbja għal Malti mill-lingwi oriġinali. Kien Professur fl-Universita Irjali ta' Malta (wara Universita’ ta’ Malta) u fis-seminarju. Issemmiet triq għaliħ u l-iskola primarja ta' Ħal Tarxien ġiet imsemmija għaliħ ukoll, "Skola Primarja Dun Karm Sant".
Fl-1948 inħietu purtieri tad-damask għal-bibien tas-sagristiji u għal-bieb fejn jintrafa d-damask tal-festa fil-kappella tal-Kurċifiss u tal-Kunċizzjoni. Fl-1956 inħietu żewġ purtieri bellus għal-altar maġġur. Dawn kienu jintramaw eżatt ħdejn l-artal waħda naħa u l-oħra in-naħa l-oħra biex ma jidhirx il-kor mill-korsija.
Fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor saru żewġ sopraporti skulturati u ndurata bid-deheb għal-bibien li mill-kor jagħtu għaż-żewġ sagristiji. Il-purtieri li semmejna ta' l-altar ġew maqsuma min-nofs u rranġati għal dawn il-bibien.
Fl-1963 fil-Parrokkat tal-WR Mons. Dun Anton Rapa sar apparat ġdid ta' Pjaneti, Kapep, Tuniċelli eċċ tal-lama bajda rrakmat bil-brukkat tad-deheb flok ieħor qadim li jintuża għal-purċissjoni filwaqt li l-ġdid jintuża fil-knisja. Jintuża l-qadim għal-purċissjoni minnħabba li jista jittebba b'xi żjut jew b'xi zlazi li jinbiegħu minn gabbani fit-toroq fil-festa. Dan l-apparat inħadem Ruma mid-ditta "Arte Liturgica de Ritis" Tħallsu parti kbira minnhom mill-wirt imħolli apposta mis-Sur Nikola Mallia.
Fl-1925 saret purtiera tal-ħarir u sopraporta ġdida fuq disinn ta' Emmanuele Buhagiar għal fuq il-bieb prinċipali tal-knisja flok oħra li kien hemm qabilha. Din is-sopra porta hija waħda mill-isbaħ li hawn fil-knejjes f'Malta. Bejn is-snin 2003 u 2004 din ġiet restawrata mis-Sur John Orlando. Jingħad li din kienet se issir tużell għal-knisja taż-Żejtun u dawn ma għoġbithomx.
Fis-snin 70 tas-seklu li għadda (Seklu 20) meta kien kappillan il-WR Mons Dun Edgar Attard saru l-bankijiet il-ġodda għal-knisja flok is-siġġijiet li ħafna minnhom kienu għadħom bil-wiċċ tal-ħaxixa. Kien sar avviż biex min irid iħallas bank u fil-ġenb tiegħu jitwaħħal ismu fuqu. Infatti dawn tista tgħid kienu tħallsu kollħa minn benefatturi.
LINEF
Il-knisja hija mgħamra b'sett ta' 9 linef tal-kristall pur. Dawn saru fis-sena 1879 fi żmien il-Kappillan Dun Franġisk Feliċ Attard u qamu 928 skud li jġibu bejn wieħed u ieħor 77 lira sterlina ta' dak iz-zmien. Huma sett ta' linef mill-isbaħ. Kull ħaġa li teżisti fid-dinja trid il-kura tagħha. U hekk ġralħom dawn il-linef, għalkemm kienu jintrefu taħt il-kuppletti u xi tlieta fis-sagristija, dawn ġratilħom ħafna ħsara.
Meta oġġett speċjalment tal-ħġieġ iċċaqalqu llum u għada, u minn post għal ieħor, kif ngħidu bħal tal-ġarra fl-aħħar tinkiser. U hekk ġralħom il-linef iċċaqlaq illum, iċċaqlaq għada u l-imsielet tal-kristall beda jew jinkiser, jew jintilef, jew jiżżarma u ma jerġax jitwaħħal f’postu. Intilef ħafna materjal minnhom.
Għalhekk fis-snin tmenin fi żmien il-kappillan Dun Dione Cutajar ġie deċiż li jiġu rranġati. Ħadu ħsiebhom Salvu u ibnu John Orlando (l-induratur) minn Ħal Tarxien. Meta bdew iżżarmawhom waħda, waħda, instab li kien fihom ħafna kristall nieqes u għalħekk meta bdew jiġu rranġati instab li bil-materjal liżżarma, setgħu jintramaw kompluti seba linef biss.
Ġie deċiż li jsir ġbir ta' fondi biex jinxtara l-kumplament għaż-żewġ linef l-oħra u hekk ġie mixtri ħġieġ ta' kristall pur mill-ingilterra biex setgħu jitkomplew. Kienrt tenħtieġ is-somma ta' LM6,000 (€13,976.25), minnbarra t-trasport. Dawn tlestew fiż-żmien il-kappillan il-WR Kanonku Dun Walter Cauchi. Ħadu ħsieb il-ġbir il-Kanonku Dun Gwann Sant u s-Sur Tony Farruġia fost oħrajn.
IT-TUŻELL
Fl-1898 sar tużell flok ieħor li kien sar fl-1809. Id-disinn għamlu Vinċenzo Busuttil li inħadem taħt id-direzzjoni tiegħu. Ix-xogħol ta' l-injam għamlu Mikiel Angelo Mangion fil-waqt li d-drapp inħiet minn Wiġi Portelli.
Huwa wieħed mill-isbaħ tużelli li hawn f'Malta. Għandu d-drap tiegħu abjad u ċelest b'rakmu tal-brukkat tad-deheb. Ġie ndurat minn Wiġi Bartolo minn-Birkirkara. Il-mutur (Winch) tiegħu biex ikun jista jittella sar minn Angelo Sapiano minn Ħal Luqa. Fil-ġnub tieGgħu fid-drapp hemm l-arma ta' Dun Ġwann Barbara bħal ma hemm fl-altar maġġur għax saru mill-fondi li ħalla hu.
XOGĦOL RIĊENTI
F'dawn l-aħħar snin fiż-żmien il-Kappillan il-WR Dun Karm Mercieca tkompliet tinżebaħ il-knisja. Din kienet imbdiet fi żmien il-kappillan preċedenti il-WR Rev. Kanonku Dun Walter Cauchi.
Saret rampa twila flok taraġ għal bieb li jgħati għas-sagristija l-gdida biex minnha jkunu jistu jitilhu wheelchairs jew anzjani li ma jifilħux jitilhu taraġ.
Wara li kienet waqgħet biċċa skultura tal-pasta mis-saqaf tal-knisja fil-kappellun ta' l-Altar tal-Madonna tar-Rużarju, reġa ġie restawrat is-saqaf kollu tal-knisja. Għal dan il-għan kellhom jittellu it-travi tal-ħadid fuq iċ-ċinta biex fuqħom jitpoġġew il-fallaki (twavel) biex ikun jista jsir ix-xogħol. Ix-xogħol sar minn voluntieri tal-knisja.
Fi żmien il-kappillan, il-Wisq Rev Dun Reuben Deguara ġiet restawrata l-pittura ta' Guzeppi Cali li hemm fil-kor tal-knisja imħallsa mis-Sinjuri Bonavia li huma dawk ta’ San Pietru u San Pawl u l-Adorazzjoni tal-Maġi u l-Ħarba lejn l-Eġittu.
PROĠETTI OĦRA LI QED ISIRU BĦALLISA
Sar ir-restawr tal-kampnari u qed jitkomplew il-ħitan kollha tal-knisja minn barra. Sar restawr fil-koppla minn ġewwa u minn barra, fejn wara hafna zmien bit-thabbrik ta' l-Arċipriet il-ġdid, il-Wisq Rev. Christopher Ellul fl-aħħar ġiet inawgurata nhar lejliet il-Milied tas-sena 2018.
Sar restawr tal-Kurcifiss ta’ l-injam li jinsab fuq l-altar tiegħu, sar restawr fuq il-kwadru tad-duluri tal-Cali, u fuq diversi arti oħra fil-knisja.
Saru sett fjuretti tal-ganutell bil-vażuni għalihom tal-fidda għal fuq l-altar maġġur u l-gradenzini biex jintramaw għal-festa titulari.
Ġiet restawrata l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, l-aktar statwa antika fil-parroċċa tagħna.
Qed isiru diversi opri u restawr ieħor biex il-knisja tagħna tibqa tisbiħ u biex l-elementi naturali ma jkomplux jgħerru dak li għandna.
Fil-parrokkat tal-kappillan u aktar tard Arċipriet il-Wisq Rev Michael Bellizzi u issa taħt il-Wisq Rev Christopher Ellul qed jitkompla r-restawr tal-knisja minn barra.
Saret sistema ġdida ta' dawl (energy saver) fil-knisja biex isir anqas ħela ta' dawl fuq l-inizzjattiva ta' l-Arċipriet Dun Christopher Ellul u li żżanzan il-Ħamis 23 ta' Mejju 2019 fl-ewwel jum tan-novena tal-Lunzjata u li ġie jiswa €8,000.
KAPPILLANI LI MEXXEW IL-PARROĊĊA SA MIT-TWAQQIF TAGĦHA
- Wisq Rev. Bastjan Cususu' 1595-1598
- Wisq Rev. Gan Pawl Agius 1598-1641
- Wisq Rev. Franġisk Axiaq 1641-1662
- Wisq Rev. Ġammari Barbara 1662-1669
- Wisq Rev. Mario Axisa 1669-1698
- Wisq Rev. Bernard Azzopardi 1698-1704
- Wisq Rev. Ġakbu Murga 1704-1714
- Wisq Rev. Ġwakkin Camilleri 1714-1718
- Wisq Rev. Federik Mikiel Abela 1718-1751
- Wisq Rev. Tumas Ċirillu Formosa 1752-1767
- Wisq Rev. Ġwann Psaila 1768-1799
- Wisq Rev. Bartolomew Sant 1808-1802
- Wisq Rev. Pietru Pawl Camilleri 1802-1841
- Wisq Rev. Anton Fenech 1841-1864
- Wisq Rev. Pawl Lauron 1864-1875
- Wisq Rev. Franġisk Feliċ Attard 1876-1921
- Wisq Rev. Salvatore Galea 1921-1935
- Wisq Rev. Nikol Aquilina 1935-1952
- Wisq Rev. Anton Rapa 1952-1971
- Wisq Rev. Edgar Attard 1971-1981
- Wisq Rev. Dione Cutajar 1981-1990
- Wisq Kan. Walter Cauchi 1990-1995
- Wisq Rev. Ċarmel Mercieca 1995-2005
- Wisq Rev. Rene Vella 2005- 2006
- Wisq Rev. Reuben Deguara 2006-2014
xxvi. Wisq Rev, Michael Bellizzi 2014-2017
ARĊIPRIETI LI MEXXEW LIL KNISJA ARĊIPRETALI TA' ĦAL TARXIEN
I Wisq Rev. Michael Bellizzi 2017
II Wisq Rev. Christopher Ellul 2018 -